Dwar ENISA - L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, ENISA, hija l-aġenzija tal-Unjoni ddedikata biex jinkiseb livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Ewropa kollha.
Stabbilita fl-2004 u msaħħa mill-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà tikkontribwixxi għall-politika ċibernetika tal-UE, issaħħaħ l-affidabbiltà tal-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tal-ICT bi skemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, tikkoopera mal-Istati Membri u l-korpi tal-UE u tgħin lill-Ewropa tħejji għall-isfidi ċibernetiċi tal-futur. Permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni, l-Aġenzija taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tagħha biex issaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija konnessa, biex iżżid ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-Unjoni, u, fl-aħħar mill-aħħar, biex iżżomm is-soċjetà u ċ-ċittadini tal-Ewropa siguri b’sens diġitali.
F’dinja li saret iperkonnessa, iċ-ċiberkriminali huma ta’ theddida sinifikanti għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha online. Il-pandemija COVID-19 enfasizzat il-bżonn għal aktar sigurtà fid-dinja diġitali. In-nies żiedu l-preżenza online tagħhom biex iżommu r-relazzjonijiet personali u professjonali, filwaqt li ċ-ċiberkriminali approfittaw minn din is-sitwazzjoni, u kellhom fil-mira b’mod partikolari n-negozji b’kummerċ elettroniku u b’pagamenti elettroniċi, kif ukoll is-sistema tal-kura tas-saħħa.
Ir-Regolament tal-ENISA huwa r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà).
Ir-Regolament 2019/881 jipprevedi wkoll li l-ENISA għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tipprovdi lis-segretarjat tal-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (ECCG) u l-ENISA għandha tipprovdi lis-segretarjat tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (SCCG).